Google kif tipproteġi l-privatezza tiegħi u żżomm l-informazzjoni tiegħi sigura?

Nafu li s-sigurtà u l-privatezza huma importanti għalik – u huma importanti għalina wkoll. Hi prijorità għalina li nipprovdu sigurtà b'saħħitha u li nserrħulek moħħok li l-informazzjoni tiegħek hi sikura u aċċessibbli meta jkollok bżonnha.

Qed naħdmu bla heda biex niżguraw sigurtà b'saħħitha, inħarsu l-privatezza tiegħek, u nagħmlu Google saħansitra aktar effettiva u effiċjenti għalik. Kull sena, nonfqu mijiet ta' miljuni ta' dollari fuq is-sigurtà u nqabbdu esperti rinomati minn madwar id-dinja kollha fis-sigurtà tad-dejta biex inżommu l-informazzjoni tiegħek sikura. Bnejna wkoll għodod tal-privatezza u tas-sigurtà faċli biex jintużaw bħal Google Dashboard, verifika b'2 passi, u settings tar-reklami personalizzati li jinstabu fiċ-Ċentru tar-Reklami Tiegħi. Allura, f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni li taqsam ma' Google, int tinsab fil-kontroll.

Tista' ssir taf aktar dwar is-sikurezza u s-sigurtà online, inkluż kif tipproteġi lilek innifsek u lill-familja tiegħek online, fil-Google Safety Center.

Sir af aktar dwar kif aħna nżommu l-informazzjoni personali tiegħek privata u sikura — u nqegħduk fil-kontroll.

Għaliex il-kont tiegħi hu assoċjat ma' reġjun?

Il-kont tiegħek hu assoċjat ma' reġjun (jew territorju) fit-Termini tas-Servizz biex inkunu nistgħu niddeterminaw diversi affarijiet:

  1. L-affiljat ta' Google li jipprovdi/tipprovdi s-servizzi, li jipproċessa/tipproċessa l-informazzjoni tiegħek u li huwa/hija responsabbli biex jikkonforma/tikkonforma mal-liġijiet tal-privatezza applikabbli. Ġeneralment, Google toffri s-servizzi tal-konsumatur tagħha permezz ta' waħda miż-żewġ kumpaniji:
    1. Google Ireland Limited, jekk tinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea (pajjiżi tal-UE flimkien mal-Iżlanda, mal-Liechtenstein u man-Norveġja) jew fl-Iżvizzera
    2. Google LLC, ibbażata fl-Istati Uniti, għall-bqija tad-dinja
  2. Il-verżjoni tat-termini li jirregolaw ir-relazzjoni tagħna, li jistgħu jvarjaw skont il-liġijiet lokali
  3. L-applikazzjoni ta' rekwiżiti speċifiċi għar-reġjuni għas-servizzi ta' Google fejn tgħix

Kif tiddetermina r-reġjun assoċjat mal-kont tiegħek

Meta toħloq kont ġdid, nassoċjaw il-kont tiegħek ma' reġjun ibbażat fuq fejn ħloqt il-Kont ta' Google tiegħek. Għal kontijiet li ilhom tal-anqas sena, nużaw ir-reġjun li minnu normalment taċċessa s-servizzi ta' Google — tipikament fejn qattajt l-aktar żmien matul l-aħħar sena.

Ġeneralment, l-ivvjaġġar ta' spiss ma jaffettwax ir-reġjun assoċjat mal-kont tiegħek. Jekk tmur toqgħod f'reġjun ġdid, jaf tgħaddi madwar sena biex jiġi aġġornat ir-reġjun li int assoċjat(a) miegħu.

Jekk ir-reġjun assoċjat mal-kont tiegħek ma jikkorrispondix għar-reġjun ta' residenza tiegħek, jista' jkun minħabba differenza bejn ir-reġjun tax-xogħol u r-residenza tiegħek, minħabba li installajt Network Privat Virtwali (VPN) biex jaħbi l-indirizz IP tiegħek, jew għax tgħix qrib fruntiera territorjali. Jekk ma taqbilx mar-reġjun assoċjat mal-kont tiegħek, ibgħat talba biex tibdel ir-reġjun tiegħek.

Kif nista' nneħħi informazzjoni dwari nnifsi mir-riżultati tat-tiftix ta' Google?

Ir-riżultati tat-tiftix ta' Google huma riflessjoni tal-kontenut disponibbli pubblikament fuq il-web. Il-magni tat-tiftix ma jistgħux ineħħu kontenut direttament mis-siti web, u allura t-tneħħija tar-riżultati tat-tiftix minn Google ma tneħħix il-kontenut mill-web. Jekk trid tneħħi xi ħaġa mill-web, għandek tikkuntattja lill-webmaster tas-sit fejn huwa ppowstjat il-kontenut u titolbu jagħmel bidla. Ladarba jkun tneħħa l-kontenut u Google tkun osservat l-aġġornament, l-informazzjoni ma tibqax tidher fir-riżultati tat-tiftix ta' Google. Jekk għandek talba għal tneħħija urġenti, tista' wkoll iżżur il-paġna tal-għajnuna tagħna għal aktar informazzjoni.

It-tfittxijiet tiegħi jintbagħtu lis-siti web meta nikklikkja fuq ir-riżultati ta' Google Search?

Ġeneralment, le. Meta tikklikkja fuq riżultat tat-tiftix f'Google Search, il-brawżer tal-web tiegħek jibgħat ċerta informazzjoni lill-paġna web tad-destinazzjoni. It-termini tat-tiftix tiegħek jistgħu jidhru fl-indirizz tal-Internet, jew l-URL, tal-paġna tar-riżultati tat-tiftix, iżda Google Search hija maħsuba biex ma tħallix lill-brawżers jibagħtu dak il-URL lill-paġna tad-destinazzjoni bħala l-URL ta' Provenjenza. Nipprovdu dejta dwar talbiet għat-tiftix permezz ta' Google Trends u Google Search Console, iżda meta nagħmlu hekk, naggregaw talbiet flimkien sabiex naqsmu biss it-talbiet maħruġa minn utenti multipli.

Apps ta' Google
Menu prinċipali